- Il-Ministru Byron Camilleri jiltaqa' mal-istudenti waqt l-attivitajiet tal-Freshers
Aktar minn 3,300 student qed jibdew jew ikomplu l-mixja edukattiva tagħhom fil-Ġan Franġisk Abela, Junior College u l-Giovanni Curmi Higher Secondary School, hekk kif iż-żewġ istituzzjonijiet qed jilqgħu lill-istudenti għal sena akkademika ġdida.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri żar iż-żewġ istituzzjonijiet waqt l-attivitajiet tal-Freshers, fejn iltaqa' mal-istudenti u żar diversi stands li qed jagħtuhom informazzjoni dwar servizzi, opportunitajiet u attivitajiet li jistgħu jibbenefikaw minnhom matul is-sena.
Waqt iż-żjarat, il-Ministru Camilleri saħaq li dawn is-snin huma stadju importanti fil-mixja edukattiva u personali taż-żgħażagħ, hekk kif ikomplu jibnu fuq l-għażliet tagħhom u jħejju ruħhom għall-pass li jmiss.
“Dawn huma snin importanti ħafna fil-mixja ta' kull student. Mhux biss se tkomplu taħdmu għall-edukazzjoni tagħkom, iżda se tkomplu tiskopru dak li tħobbu, fejn tridu taslu u dak li tridu tagħmlu fil-futur. Illum għandna rotot u opportunitajiet differenti għaliex nemmnu li kull student għandu l-aspirazzjonijiet, il-kapaċitajiet u l-bżonnijiet tiegħu. Għalhekk inħeġġiġkom tagħmlu l-aħjar minn dawn is-snin: studjaw, staqsu, involvu ruħkom, agħmlu ħbieb u fuq kollox aħtfu l-opportunitajiet li għandkom quddiemkom. Min-naħa tagħna se nkomplu naħdmu biex kull student ikollu l-opportunità li jimxi 'l quddiem u jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu," qal il-Ministru Camilleri.
Fil-Junior College, 2,094 student qed isegwu diversi programmi ta' studju. Il-Kulleġġ joffri l-Matriculation Course permezz ta' rotot differenti, fosthom Standard, Extra u Flexi, kif ukoll programmi għal studenti ta' 'l fuq minn 18-il sena u għal dawk li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom fl-oqsma tal-mediċina u x-xjenza. Il-Junior College joffri wkoll Dual Career Pathway għal studenti-atleti, sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom filwaqt li jkomplu jiżviluppaw fil-karriera sportiva tagħhom.
Il-Prinċipal tal-Junior College, Paul Xuereb, qal, “Ninsabu kuntenti li għal sena oħra qed nibdew sena akkademika ġdida fil-Junior College. Ilna naħdmu u nippreparaw għal din is-sena, u kuntenti li għal darb'oħra ħafna studenti għażlu li jattendu l-Junior College. Matul il-Freshers Week qed nilqgħu lill-istudenti u nħejjuhom biex jidħlu fis-sistema bl-aħjar mod possibbli. Ninsabu fiduċjużi li se jkollna sena oħra ta' suċċess, bħalma kellna s-sena li għaddiet."
Il-Ministru Camilleri żar ukoll il-Giovanni Curmi Higher Secondary School fin-Naxxar, li tilqa' madwar 1,267 student. Minn dawn, madwar 960 qed isegwu l-Matriculation Course, filwaqt li studenti oħra qed isegwu l-AIO Course u l-AIO Foundation Programme, l-Individual Study Programme for Adult Learners, il-Medicine and Science Specialised Study Programme u GEM16+.
L-iskola tagħti wkoll importanza lill-appoġġ individwali lill-istudenti, bi klassijiet limitati għal massimu ta' 25 student u tutorials fi gruppi żgħar għall-istudenti fil-livell Avvanzat. Kull student jiġi assenjat Deputy Head li jsegwi l-progress tiegħu, filwaqt li jiġu offruti wkoll servizzi ta' gwida, counselling u learning support.
Il-Kap tal-Iskola Higher Secondary, Robert Magro, qal, “Illum ftaħna l-bibien tagħna għall-istudenti permezz tal-Freshers Day, li għalih kien hemm impenn kbir mill-għalliema u l-Kapijiet tad-Dipartimenti tul is-sajf. L-istudenti qed ikollhom l-opportunità jżuru diversi stands u jiksbu informazzjoni mingħand diversi entitajiet, qabel ma nhar it-Tnejn tibda l-ħajja normali tal-iskola. Nilqgħu madwar 1,300 student u noffru diversi korsijiet fil-livell Avvanzat, Intermedju u SEC. Nawgura lill-istudenti tagħna, kif ukoll lill-istudenti kollha f'Malta, biex il-mixja edukattiva tagħhom matul din is-sena tkun waħda pożittiva. Nirringrazzja wkoll lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport għall-għajnuna li tana matul is-sajf biex inkunu nistgħu nħejju u niftħu l-iskola għal sena oħra."
Lil hinn mill-istudji, kemm il-Junior College kif ukoll il-Higher Secondary joffru lill-istudenti diversi opportunitajiet biex jinvolvu ruħhom fil-ħajja studenteska, jieħdu sehem f'attivitajiet, f'inizjattivi differenti u f'għaqdiet studenteski li jgħinuhom jiżviluppaw ukoll lil hinn mill-klassi.
Ritratti: MES